Permezz ta’ Festivals Malta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvernijiet Lokali José Herrera, għadu kemm ħabbar il-programm t’avvenimenti għall-Karnival 2020, li ħa jsir bejn il-21 u l-25 ta ’Frar 2020. L-edizzjoni tal-Karnival ta ’din is-sena għal darb’oħra ser tesibixxi karrijiet spettakolari, maskri grotteski, kostumi elaborati u żfin kompetittiv, mifruxa fuq diversi kategoriji.
Il-Ministru Herrera saħaq kif il-Karnival huwa avveniment annwali li jgħaqqad poplu sħiħ fċ’elebrazzjoni artistika. “Impressjonat bil-livell li il-Karnival f’Malta qiegħed jilħaq sena wara l-oħra. Hekk kif ftit snin ilu ħdimt biex il-Karnival jieħu dimensjoni akbar, hekk ser inkun qiegħed impenjat li nagħmel għas-snin li ġejjin.”
Il-Ministru Herrera nnota kif iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival ma jiġix iċċelebrat biss fil-Belt Valletta, iżda hu mifrux f’diversi rħula u bliet oħra f’pajjiżna. Sostna wkoll li biex inkomplu ntejbu l-livell tal-Karnival ta ’Malta, irridu b’mod kontinwu nagħtu widen lil dawk kollha li l-Karnival ifisser xi ħaġa speċjali għalihom. Għaldaqstant, wiegħed l-impenn tal-Gvern biex jitwettaq il-proġett tal-Villaġġ tal-Karnival, kif ukoll jiġu indirizzati aspetti importanti oħra ħalli din il-festa ta ’kreattività tkompli tkun waħda sostnuta.
“Il-kreattività u l-espressjoni dejjem kienu l-fulkrum tal-festi tal-Karnival. Biex inħeġġu aktar il-kreattività u l-parteċipazzjoni, din is-sena aħna kkollaborajna mad-Dipartiment tal-Arti Diġitali fl-Università ta' Malta, għall-ħolqien tal-poster uffiċjali tal-Karnival 2020,” enfasizzat is-Sinjura Annabelle Stivala, Direttriċi ta' Festivals f’Malta. Stivala saħqet kif l-organizzazjoni tal-Karnival tirrikjedi diversi siegħat ta ’preparazzjoni, biex finalment il-pubbliku u l-artisti nfushom jistgħu jgawdu programm vast u interessanti mifrux fuq ħamest ijiem.
F'isem id-Dipartiment tal-Arti Diġitali, is-Sur Clayton Saliba spjega li l-kunċett ippreżentat mill-istudenti huwa l-frott ta ’xhur sħaħ ta' riċerka, diskussjonijiet u group work li hija viżibbli fil-livell ta' dettall u fil-messaġġ trażmess minn din l-illustrazzjoni. “Il-kunċett huwa ispirat mill-fatti storiċi marbuta mal-oriġini tal-Karnival kif irrappreżentat mill-Gran Mastru Lascaris, ir-rabtiet mal-Belt Valletta inkorporati fil-Gran Mastru De Vallette, u simboli oħra relatati mal-Karnival, bħall-karta tal-logħob tar-Re li tibni fuq ir-rabta li r-Re tal- Karnival għandu ma ’dan l-avveniment annwali,” iżid Saliba.
Jason Busuttil, Direttur Artistiku tal-Karnival, esprima s-sodisfazzjon li jħoss kull meta jżur l-imħażen tal-Karnival hekk kif il-parteċipanti ikunu għaddejjin qatigħ bl-aħħar irtokki fuq il-karrijiet tagħhom; "Il-livell ta' kreattività u t-talent inkredibbli mistur f'dawn il-kreazzjonijiet jgħaġġibni kull darba, il-parteċipanti jkomplu jgħollu l-livell sena wara sena. Dan ikompli jinkuraġġina ninvestu aktar f’dan l-avveniment, li llum sar wieħed mill-akbar festivals f’Malta."
Busuttil spjega wkoll kif l-inizjattiva ġdida li kisbet suċċess kbir hi żgur il-kollaborazzjoni ma' Eric Leone, disinjatur Malti, li ta ħajja ġdida lill-abbozzi ppreżentati mill-parteċipanti.
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, qal; “Ninsab ħerqan li għal darb’oħra se nerġgħu nkunu parti mill-Karnival ta’ Malta, din id-darba bħala l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Din is-sena għandna mħejji avveniment uniku minn Tenishia, wieħed mill-aqwa DJs lokali, li żgur li se jinżel tajjeb ma’ dawk kollha li se jżuru l-Belt waqt dan il-festival ta’ kuluri li tant ikun mistenni kull sena. Peress li dan l-avveniment ser ikun qiegħed jixxandar live fuq il-midja soċjali, attivitajiet bħal dawn iressquna iktar viċin in-nies.”
Għal aktar tagħrif żur www.festivals.mt/karnival. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.kultura.mt.
Comments