top of page
Writer's pictureFestivals Malta

Il-Festival Kanzunetta Maltija Lura fuq il-Palk!



Il-Ministru Dr José Herrera - Ritratt minn Daryl Cauchi

Is-sena 2002 rat l-aħħar edizzjoni tal-Festival Kanzunetta Maltija, festival li fetaħ bibien internazzjonali għal kantanti, awturi u kompożituri Maltin biex jesebixxu kompożizzjonijiet Maltin f’kompetizzjonijiet prestiġjużi barra minn xtutna. Għalkemm dan il-festival kellu ritorn qasir fl-2013, u fl-2016, qatt ma reġa` stabilixxa ruħu bħala festival ewlieni fil-kalendarju kulturali Malti. Issa, bl-inizjattiva tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Festivals Malta qed tniedi uffiċjalment ir-ritorn ta’ dan il-festival tant prestiġjuż, bl-isem il-ġdid ta’ Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija.


Il-Ministru Dr José Herrera qal li dan il-festival huwa intiż li jkompli jixpruna t-talent Malti u lkanzunetta Maltija. Tenna li t-talent mużikali huwa wieħed ta' livell, biss hemm il-ħtieġa li nsaħħu u noffru aktar opportunitajiet lil-kompożituri, awturi u kantanti Maltin. "Dan il-festival ċertament ser ikun qiegħed jattira l-aqwa talent f'pajjiżna fejn permezz ta’ din l-inizjattiva ser inkomplu nagħtu aktar opportunitajiet kemm lil dawk stabbiliti fix-xena mużikali kif ukoll dawk ġodda." sostna l-Ministru Herrera.



Raymond Bugeja - Ritratt minn Daryl Cauchi

Iċ-Ċerman ta’ Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija, is-Sur Raymond Buġeja, sostna li dan ilfestival ser jkun qed iservi bħala pjattaforma għal artisti lokali, b’mod speċjali għall-ilsien Malti. “Ilna issa għal ħafna snin, b’dispjaċir, inħossu n-nuqqas ta’ vetrina xierqa għall-kanzunetti miktuba u kantati b’ilsien pajjiżna. Hija tassew ħasra li x-xena mużikali lokali, bil-mod il-mod, kienet qiegħda tiġi mċaħħda minn kanzunetti bil-Malti.”


Is-Sur Buġeja żied jgħid, “Għalhekk, bħala tim, inħossuna kburin inħabbru li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali għoġbu jafdalna f’idejna t-tnedija mill-ġdid ta’ festival maħsub biss għall-kanzunetti miktubin b’ilsienna. Dan se jassigura li l-kanzunetta Maltija titpoġġa mill-ġdid f’postha, bil-ġieħ u d-dinjità kollha li jixirqilha. Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija se jservi wkoll bħala pjattaforma għall-kompożituri u awturi tagħna biex ivaraw it-talenti tagħhom. Talenti li fuq din il-gżira huma ta’ bil-ħaqq abbundanti.”



Norman Hamilton - Ritratt minn Daryl Cauchi

Meta ġie mitlub jikkummenta dwar ir-ritorn ta’ dan il-festival, iċ-Ċerman ta’ Festivals Malta, is-Sur Norman Hamilton qal, "Meta ġejt fdat bil-pożizzjoni ta’ Ċerman tal-Bord tal-Aġenzija Festivals Malta, ‘l fuq minn sena ilu, l-ewwel ħsibijiet tiegħi kienu kif ser nerġa’ nagħti l-ħajja lill-‘Festival talKanzunetta Maltija’. Bi pjaċir sirt naf li din l-inizjattiva kellha s-sapport u l-inkoraġġament tal-Ministru Hon. José Herrera, li mill-ewwel ħoloq żewġ sotto-kumitati konsultattivi biex jibda’ x-xogħol fuq dan il-proġett. Iċ-Ċermen ta’ dawn iż-żewġ kumitati huma s-Sur Ray Bugeja flimkien mas-Sur Albert Marshall u jien bħala Viċi Ċerman. Kumitati li ħadmu u stinkaw b’rata ta’ żewġ meetings fil-ġimgħa fuq medda ta’ tlett xhur.”


“Dan il-Festival – li huwa vetrina u pjattaforma unika għall-kompożituri, awturi, kantanti, gruppi u mużiċisti kemm Maltin kif ukoll Għawdxin – mill-lum ‘il quddiem ser ikollu l-isem ta’ 'Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija'. Jien kburi li l-ħolma tiegħi u ta’ l-Hon. Ministru fl-aħħar ser issir realta’. Dan il-Festival tal-Kanzunetta Maltija tant popolari ser jerġa’ jirritorna, u din id-darba ser jibqa’, bħala parti mill-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Festivals Malta.”, ikkonkluda s-Sur Hamilton.


Id-Direttur ta’ Festivals Malta, is-Sa Annabelle Stivala, ikkummentat dwar l-importanza ta’ dan ilfestival, speċjalment fejn jidħlu l-artisti lokali. Stivala qalet, “Dan il-festival mhux biss iservi ta’ pjattaforma għall-kantanti, kompożituri u awturi Maltin, iżda ukoll joffri spettaklu ta’ ċelebrazzjoni ta’ mużika Maltija; spettaklu li jgħaqqad u jagħti ġieħ lil-lingwa tagħna. Festivals Malta hija kburija li ġiet fdata b’dan il-proġett tant importanti li permezz tiegħu ser nerġaw nagħtu l-ħajja lil dan ilfestival hekk prestiġjuż.”


Dan il-festival ser jittella’ uffiċjalment f’Marzu tas-sena 2021 fejn diversi kanzunetti bil-lingwa Maltija, b’lirika u kompożizzjoni ta’ artisti lokali, ser ikunu qed jikkompetu. Ir-regolamenti, kif ukoll aktar linji gwida dwar il-proċedura ta’ dan il-festival jinstabu fuq is-sit elettroniku www.muzikamuzika.org. Is-Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-dan il-festival fuq is-sit elettroniku tal-festival (www.muzikamuzika.org) jew bl-idejn fl-uffiċini ta’ Festivals Malta fil-Furjana bejn it-28 u t-30 ta’ Ottubru 2020.





166 views

Kommentare


bottom of page