Il-Karnival tas-sajf 2019, li ma sarx fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara l-mewta traġika ta’ Jean Paul Bonett, issa se jsir bejn it-30 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru 2019. Dan ġie deċiż wara li saret konsultazzjoni sħiħa mad-dilettanti tal-Karnival infushom.
Organizzat b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali, il-karnival tas-sajf huwa karatterizzat minn parata mat-toroq fi rħula ħdejn il-baħar. Il-karrijiet huma ġeneralment iżgħar minn dawk tal-karnival tax-xitwa, u total ta’ 12-il karru, wieħed minnhom minn Għawdex (li se jipparteċipa biss f’San Pawl il-Baħar), kif ukoll 5 skejjel taż-żfin se janimaw l-avvenimenti ta’ tmiem il-ġimgħa. Kif kien tħabbar, din is-sena l-karnival tas-sajf se jkollu post ġdid flimkien ma’ dawk ta’ Buġibba u ta’ Marsaskala – għall-ewwel darba se jittella’ wkoll f’Birżebbuġa b’parata mat-toroq b’varjetà ta’ karrijiet dekorattivi akkumpanjati minn gruppi ta’ żeffiena. Il-karnival tas-sajf se jibda f’San Pawl il-Baħar nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu mis-7.30pm ’il quddiem bil-Gran Dèfilè li jibda minn Dawret il-Gżejjer. Id-dèfilè tas-Sibt ukoll fis-7.30pm se jibda minn Triq il-Maskli (ħdejn is-Santana Hotel) imbagħad se jimxi lejn Islet Promenade, li jara l-kulminu tiegħu fil-pjazza ta’ Buġibba. Is-Sibt, 31 ta’ Awwissu l-karnival tas-sajf se jkun f’Birżebbuġa. Il-parata se tibda fis-7:30pm mill-venda tal-linja u se timxi max-xatt tal-Bajja s-Sabiħa. Il-Ħadd, l-1 ta’ Settembru, il-karnival tas-sajf se jimxi għal Marsaskala bil-parteċipazzjoni tal-Banda Sant’Anna. Fis-7.30pm l-isfilata titlaq minn Triq is-Salini u timxi għaċ-ċentru ta’ Marsaskala.
Inizjattiva oħra ta’ Festivals Malta għall-karnival tas-sajf kienet il-kollaborazzjoni tal-Università mal-istudenti tal-MCAST li permezz tagħha l-istudenti ġew mistiedna li jressqu illustrazzjonijiet artistiċi li jirrappreżentaw il-karnival tas-sajf li se jintuża għal skop promozzjonali. Din l-inizjattiva hija waħda minn bosta li qed isiru minn Festivals Malta biex tintlaħaq udjenza usa’ u biex jiġu maħluqa punti ta’ kuntatt fejn il-membri żgħażagħ tal-komunità jistgħu jipparteċipaw.
Comentarios