Ix-xewqa ta’ Dun Karm tinqata’ u fl-anniversarju tal-100 sena tal-Kostituzzjoni tas-Self Government tiġi immużikata l-poeżija “Lil Ħuti l-Maltin Nhar l-Għoti tal-Kostituzzjoni”
“Dan l-innu kellu jiġi mqiegħed fil-mużika għal dik-ħabta. Il-mużika ma saretx u l-innu baqa’ u ma deherx. Min jaf jekk ikunx jiswa fli ġej?” – Dun Karm Psaila
Dawn kienu l-ħsibijiet tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, f’sottonota li ħalla mal-ewwel pubblikazzjoni tal-poeżija “Lil Ħuti l-Maltin Nhar l-Għoti tal-Kostituzzjoni” fl-1939. 100 sena wara l-kitba ta’ din il-poeżija, Festivals Malta jaqta’ ix-xewqa ta’ Dun Karm u għall-ewwel darba fl-istorja, dan l-innu ġie immużikat u maħruġ għall-pubbliku, kif xtaq Dun Karm.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, l-Hon. Dr. José Herrera, wera sodisfazzjon kbir b’din l-inizjattiva. “Dan kollhu għalija jfisser li jekk l-entitajiet li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi qed jifmhu l-importanza tat-twettieq ta’ xogħolijiet bħal dawn, nemmen fi sħiħ li l-poplu tagħna ġa la darba jisseddaq fil-valur tal-għaqda, il-futur tal-espressjoni artistika tagħna tinsab f’idejn tajba. Għaliex hekk biss nistgħu nagħtu valur lis-sisien tagħna bħala poplu wieħed, ġens li jgħaraf il-valuri soċjali u storiċi li jgħatu dinjità lilna lkoll Maltin u Għawdxin”, stqarr il-Ministru Herrera.
Stanza partikolari li laqtet l-attenzjoni tal-Hon. Ministru kien:
Qum mill-ħedla li ‘l qalbek mewtitlek,
Ġens ta’ ħila, ta’ għaqa, ta’ ġieħ
Poplu Malti, x-xemx telgħet, sejħitlek
Aqbad triqtek lejn xefaq sabiħ.
L-Hon. Herrara ikkummenta li llum il-ġurnata, “il-poplu Malti qed jgħaraf l-importanza ta’ kitbiet Dun Karm Psaila u l-messaġġ li fih it-test miktub fil-bidu tal-vjaġġ politiko-soċjali ta’ pajjiżna”. Vjaġġ li bla dubju ta’ xejn mhux talli kien essenzjali, iżda wkoll monumentali għall-indipendenza u l-prosperità tan-nazzjon fl-interità tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, ikkummentat li, “Ma kienx hemm żmien aħjar li x-xewqa ta’ Dun Karm tkun maqtuha għaliex is-sena 2021, mhux talli tikkomemora l-100 sena mill-Kostituzzjoni tas-Self Government, iżda wkoll l-150 anniversarju mit-twelid tal-poeta nazzjonali kif ukoll is-60 sena mill-mewt ta’ Dun Karm, tassew rigal xieraq lil Dun Karm”. Infatti, huwa propjament fix-xahar t’Ottubru li Dun Karm, kemm twieled, kif ukoll miet. Għaldaqstant, ix-xahar t’Ottubru 2021 kien il-pjattaforma ideali għal din il-kommemorazzjoni. “Festivals Malta, apparti li jikkommemora anniversarji importanti, iħares ukoll lejn il-kif wieħed jikkommemora u wara li ssir riċerka estensiva, nippruvaw insibu modi innovattivi ta’ kif infakkru il-personaġġ”, kompliet Annabelle Stivala.
L-immużikar ta’ dan l-innu ingħata f’idejn il-kompożitur Dominic Galea, li mmużika din il-poeżija fi stil li huwa leali għall-istil li x’aktarx ippreveda Dun Karm, iżda b’ispirazzjoni moderna. “Spirajt ruħi mill-istudju li għamel is-Sur Joe Borg dwar din il-poeżija u naturalment mill-versi b’ritmu tradizzjonali, imma b’messaġġ patrijottiku qawwi ta’ Dun Karm”, stqarr Dominic Galea. Dan l-avveniment qanqal sentiment profond f’kull min b’xi mod ta’ kontribut għal din is-serata, b’Dominic Galea jikkummenta li “Hadt pjacir li cempluli minn Festivals Malta biex nimmużika din il-poeżija għall-okkazzjoni, speċjalment għax qtajt ix-xewqa tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm wara mitt sena!”
F’serata dedikata lil Dun Karm, dan l-innu ixxandar għall-ewwel darba permezz ta’ interpretazzjoni minn Dominic Galea fuq il-pjanu, akkumpanjat minn Dorothy Bezzina. Is-serata ta’ Dun Karm saret fit-13 t’Ottubru 2021, propju fl-anniversarju tat-tifkira tal-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm, u ittellat mill-Kumitat Festi Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta, b’kollaborazzjoni tal-Għaqdiet tal-Malti.
Komentar