top of page
Writer's pictureFestivals Malta

Tislima lill-Poeta Nazzjonali


Ottubru huwa marbut mat-twelid u l-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 t’Ottubru 1871 u miet San Ġiljan nhar it-13 t’Ottubru 1961. Din is-sena nfakkru l-150 sena mit-twelid tal-Poeta’.


Għal darb’oħra Festivals Malta permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali flimkien mal-Akkademja tal-Malti qed ifakkar lill-Poeta Nazzjonali b’attivitajiet apposta’.


It-Tlieta 13 t’Ottubru, 2021 se tiġi inawgurata esebizzjoni marbuta mal-Poeta Nazzjonali fil-binja tal-MUŻA mtella’ minn Heritage Malta.


It-Tlieta 13 t’Ottubru, 2021 se tittella’ serata kommemorattiva bit-tema “Iftaħ Qalbek għall-Kelma tas-Sliem” fis-Sala Ewlenija tal-Mużew tal-Arkeoloġija l-Belt Valletta fit-8pm. Din is-serata tiġi streamed live fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Festivals Malta. Fis-serata il-Maestro Domnic Galea se jinterpreta għall-ewwel darba l-mużika għall-innu li kiteb Dun Karm stess bl-isem ta’ “1921 – Lil Ħuti l-Maltin Nhar l-Għoti tal-Kostituzzjoni”. Flimkien ma’ Domnic Galea se tieħu sehem il-kantanta Dorothy Bezzina. Fis-serata ser ssir ukoll taħdita fuq it-tema Dun Karm u l-Kostituzzjoni tal-1921. F’din it-taħdita jieħdu sehem is-Sa Simone Azzopardi, Prof. Adrian Grima u s-Sur Joe Borg. Il-moderatriċi tat-taħdita tkun is-Sa Rita Saliba.

L-attivitajiet biex ifakkru l-Poeta Nazzjonali jkomplu it-Tnejn 18 t’ Ottubru, d-data marbuta mat-twelid ta’ Dun Karm Psaila. Fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu il-Ministru Jose Herrera , Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti u għaqdiet oħra jsellmu lill-poeta b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni fuq il-mafkar tal-Poeta fil-Floriana.


Festivals Malta ħa ħsieb ukoll li jinħadem feature apposta li jfakkar din l-okkazjoni, li ser jiġi mxandar fuq l-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali matul dan il-perjodu. Segwieh hawn taħt.


Mużika ta' Dominic Galea.

38 views

Comments


bottom of page